top
Il-parroċċa San Ġwann Battista - Xewkija

mal-medda tas-snin

Il-kappella ta’ San Ġwann Battista tissemma’ l-ewwel darba fil-vista magħmula minn Pietro Dusina, viżitatur appostoliku, fis-sena 1575. Din tissejjaħ preċiżament viżta appostolika għaliex kienet ordnata minn Ruma. Infetħet fil-Knisja Matriċi ta’ Santa Marija, illum il-Katidral, nhar it-13 ta’ Frar 1575. Fil-jiem ta’ wara hu żar il-knejjes u l-kappelli kollha ta’ Għawdex, fosthom il-kappella ta’ San Ġwann Battista li, fis-sena 1575, ġa kienet qadima bi sħiħ.

Ta’ min jinnota hawn li d-devozzjoni lejn San Ġwann Battista hi bil-wisq eqdem mill-miġja tal-Kavallieri ta’ San Ġwann li waslu Malta fis-sena 1530. Iddaħħlet lejn is-seklu tnax/tlettax meta l-Knisja ta’ Għawdex kienet għadha knisja b’liturġija Biżantina-Griega. Il-Prodromos, il-Prekursur, kien figura ewlenija fl-iconostasis  il-kanċell impitter li fil-knejjes Biżantini jifred il-parti tal-artal mill-kumplament tal-knisja.

L-ewwel tagħrifa li għandna hi li l-kappella kienet magħrufa bħala ta’ San Ġwann Battista. Nafu li din il-kappella kienet tinsab fil-kontrada msejħa Tewnit. L-isem Tewnit hu aktarx isem personali jew laqam u kien jirreferi għall-biċċa art f’Għawdex b’estensjoni kbira ħafna. Sfortunatament, din il-kappella kienet fi stat ta’ abbandun kbir. Monsinjur Pietro Dusina quddiem din il-kappella li kienet kważi saret borġ ġebel ma kellux triq oħra x’jagħżel. Hu ordna li l-kappella tkun profanata, jiġifieri ma setgħetx tintuża iktar għall-kult reliġjuż.

Għaddew tnax-il sena mill-vista ta’ Pietro Dusina biex saret viżta pastorali oħra f’Għawdex. Din saret minn Tumas Gargallo, elett Isqof ta’ Malta u Għawdex fil-11 ta’ Awwissu 1578. Meta niżlu mit-Tafla u komplew bil-viżta, il-konviżitaturi ltaqgħu ma’ kappella f’nofs l-għelieqi li qalulhom li kienet iddedikata lil San Ġwann. Il-konviżitaturi ħallewlna tagħrifa qasira bil-Latin fosthom li l-kappella kienet magħrufa bħala l-kappella ta’ San Ġwann u kienet f’tal-Qaċċa. Kienet bla altar, bla bieb tal-injam, bla rettur, u mingħajr dak meħtieġ, u ma kellha l-ebda dħul. Dan ifisser li mis-sena 1575, meta l-kappella kienet profanata, ma kien sar xejn biex tissewwa. Kien hawn ħafna faqar. Saħansitra d-dħul minn xi għelieqi li kellha u li ssemma fil-viżta tas-sena 1575 kien intesa. Sadanittant il-qagħda tal-Għawdxin bdiet titjieb, minħabba li l-bini mill-ġdid taċ-Ċittadella ġab miegħu ħafna xogħol.

F’kemm trodd salib, l-Għawdxin kollha rġiel, nisa u tfal, kbar u żgħar, sabu x-xogħol. Kulħadd intalab jgħin fil-bini u kull min għen ingħata paga xierqa. Żdiedu l-flus fl-idejn u l-Għawdxin, reliġjużi minn qaddishom, ħasbu biex jibdew iduru l-kappelli tagħhom. Hekk għamlu l-bdiewa li kellhom ir-raba’ fl-inħawi tax-Xewkija. Dan kollu jixhdu b’mod ċar ir-rapport tal-vista pastorali li saret fil-bidu tas-seklu sbatax sewwa sew f’Mejju 1608, meta kienu għadu jmexxi I-Isqof Gargallo.

L-ewwel tagħrifa hi li l-kappella ta’ San Ġwann Battista kienet fil-ħára tax-Xewkija, Sancti loannis Baptistae in contrata ta’ Xeuchia. Din hi l-ewwel darba li jingħad b’mod preċiż fejn kienet il-kappella; fil-viżti ta’ qabel ingħata l-isem tal-imnadar, darba ta’ Tewnit, min-naħa tal-Qala, u darb’oħra tal-Qaċċa. Din id-darba qiegħed jingħata l-isem preċiż fil-ħára, tax-Xewkija. It-tieni, jingħad li fil-kappella kien hemm ikona, jiġifieri pittura tal-imsemmi qaddis. Din hi wkoll l-ewwel darba li tissemma pittura ta’ San Ġwann. Il-kelma ikona tista’ tfisser kemm inkwatru fuq it-tila, kif ukoll affresk fuq il-ħajt. Ma nafux x’kien ħareġ minn din il-viżta. It-tielet, l-altar kien tajjeb għaċ-ċelebrazzjoni. Dan ifisser li fuqu seta’ jsir il-quddies. Ir-raba’, fuq l-altar kien hemm dvalja u mal-faċċata tieghu kellu vintartal doppju. Il-vintaltar doppju aktarx li kien ta’ żewġ kuluri, possibbilment, abjad għall-festa tat-twelid ta’ San Ġwann u aħmar għat-tifkira tal-martirju tiegħu.

 

Il-vista tas-sena 1608 tixhed li meta x-Xewkin bdew jistejqru għax żdiedu l-flus fl-idejn mill-ewwel taw mill-ftit li kellhom biex il-gorboġ ta’ kappella li tissemma’ fis-snin 1575 u fl-1587 tissewwa u tinfetaħ mill-ġdid b’ġieh lil San Ġwann Battista. Il-vista li kien imiss kienet dik tal-Isqof Baldassare Cagliares li bdieha fl-inħawi tax-Xewkija nhar il-Ġimgħa, 20 ta’ Novembru, 1615. L-Isqof beda r-rapport bit-tagħrifa li, fil-ħâra tax-Xewkija, kien hemm kappella, iddedikata lil San Ġwann Battista. Meta l-Isqof staqsa jekk din il-kappella kellhiex xi dħul weġbuh fin-negattiv. Mhux biss, lanqas ma kellha rettur, jiġifieri ma kienx hemm qassis li kien jieħu ħsieb xi quddies li jsiru fiha. Minkejja dan, il-kappella kellha numru ta’ devoti. Tant hu hekk li f’jum San Ġwann Battista ħafna nies b’devozzjoni tħeġġeġ lejn il-Battista, kienu jiġbru bejniethom biex isir xi quddies. Ġie li sar quddies anki f’jiem oħra li ma kinux ta’ festa.

Din hi tagħrifa importanti ħafna. Fil-ħâra tax-Xewkija, in-nies tal-inħawi ġa kellhom tħeġġeġ f’qalbhom imħabba speċjali lejn il-Battista. Dan hu ppruvat mill-fatt li hi ħaġa rari ħafna li tiltaqa’ ma’ kappella li nhar il-festa titulari kienu jsiru fiha, numru ta’ quddies. L-Isqof Cagliares fetaħ vista pastorali oħra fis-sena 1621. Fil-jiem ta’ wara l-konviżitaturi, jiġifieri dawk li kienu qegħdin jgħinuh fil-vista bdew iż-żjarat fil-knejjes tal-kampanja. Nhar is-26 ta’ April 1621 waslu, tniżżel fid-dokument, fil-kontrada tax-Xewkija. Din ma kinitx l-unika kappella li żaru fl-inħawi u lanqas kienet l-aħjar waħda miżmuma tajjeb fosthom.

Il-kappella ta’ San Ġwann kienet bla prokuratur. Ma kien hemm ħadd responsabbli minnha. Barra dan lanqas kellha dħul. Ħadd ma kien ħaseb fiha. Madankollu, jinnota l-Isqof, li f’dawk l-inħawi l-kappella kellha ħafna devoti. U mhux biss mill-inħawi, innota l-Isqof, iżda kellha devoti mill-gżira kollha. Dawn id-devoti, kull nhar ta’ Sibt u fil-festi kienu jagħmlu offerta biex jinxtegħel il-lampier. Nhar il-festa ta’ San Ġwann fl-24 ta’ Ġunju kienet issir quddiesa. Fil-fatt, ikompli r-rapport, kien isir quddies ieħor matul is-sena. Ir-raġuni ta’ din iż-żieda fid-devozzjoni ġejja mill-fatt li San Ġwann Battista kien il-patrun tal-Ordni tal-Kavallieri Ospedaljieri. U għalhekk mal-miġja tagħhom f’Malta fis-sena 1530, id-devozzjoni lejn il-patrun tagħhom żdiedet sewwa.

Fl-Arkivju Episkopali t’Għawdex tinsab kopja ta’ ċensiment ta’ importanza kbira. Dan iċ-ċensiment inħadem mill-Arċipriet tal-Matriċi u mill-kappillan ta’ San Ġorġ sar fl-1667. Huwa importanti dan  iċ-ċensiment għaliex inħadem qabel ma twaqqfu l-parroċċi tal-kampanja u ntagħmel b’mod li jagħtina stampa ċara ta’ fejn marru joqogħdu l-Għawdxin wara l-1637. Jirriżulta minn dan iċ-ċensiment li l-aktar raħal li kien qed jikber kien dak tax-Xewkija li kellu 403 ruħ jgħixu f’90 dar. Żewġ fatturi iddeterminaw I-għażla ta’ dik in-naħa biex tiġi mgħammra. Kienet art mogħxa bi ħbula ta’ għelieqi għammiela u fl-istess waqt kienet imbiegħda tliet kilometri biss miċ-Ċittadella. Għalhekk f’anqas minn siegħa wieħed kien jasal hemm malajr jekk tinqala’ l-ħtieġa ta’ kenn. Madankollu minkejja li l-komunita’ kompliet tikber kienet għadha mhix raħal awtonomu peress li kienet għadha tifforma parti mill-parroċċa tal-Matriċi. In-nies mifruxa qalb il-kampanja kienu iktar qrib tal-lant tax-xogħol tagħhom u kellhom ukoll djar imdaqqsa imma kienu ‘l bogħod mill-knisja parrokkjali. Kellu jgħaddi ftit taż-żmien mhux ħażin sakemm l-awtoritajiet Ekleżjastiċi għarfu din is-sitwazzjoni ġdida għal Għawdex tas-seklu sbatax. Forsi din hija raġuni oħra li tawlet il-formazzjoni tal-irħula.

Dan id-dewmien kollu min-naħa tal-Knisja biex tagħraf din is-sitwazzjoni l-ġdida kien dovut għal żewg fatturi. Għawdex f’dak iż-żmien kien ‘l bogħod mill-awtorita’ ekkleżżjastika: l-Isqof kien joqgħod fil-belt imbegħda ta’ Valletta u rarament kien jiġi Għawdex. Hu veru ukoll li f’Għawdex kellu lil Pro-vigarju imma I-Isqof innifsu ma kienx f’kuntatt man-nies. Barra minn hekk il-Liġi kanonika kienet titlob 4 kundizzjonijiet qabel ma parroċċa tkun tista’ tiġi mwaqqfa. U ma kienx daqshekk ħafif li tissodisfahom kollha. Ried ikun hemm causa iusta, raġuni pastorali ġusta, locus congruus, post dehen għall-qima, il-consensus Parochi, jiġifieri li l-Isqof kellu jisma’ l-opinjoni tal-kappillan li mit-territorju tiegħu tkun ser tinqatà parroċċa, għalkemm seta’ jmexxi mingħajrha, u fl-aħħarnett, id-doscongtrua, li l-Isqof kellu jsib xi dħul għall-manteniment tal-kappillan il-ġdid.

L-Isqof Michele de Molina ġie wiċċ imb’wiċċ mar-realta’ tal-komunitajiet li dejjem kienu qed jikbru fl-irħula matul il-vista pastorali tiegħu f’Għawdex bejn it-18 u is-27 ta’ Novembru tal-1678. Erbgħa min-nies b’sens ċiviku li kienu joqgħodu fil-contrada tax-Xewkija, Giovanni Maria Azzopardo, Giovanni Maria Mercieca, Domenico Xuereb, u Giovanni Maria Pisano ħatfu l-okkażjoni biex jippreżentaw petizzjoni lill-Isqof fejn saħqu dwar il-bidliet li ġraw fil-popolazzjoni li tferrxet bis-sħiħ. Huma sostnew li fil-contrada kien hemm joqogħdu madwar 650 sa dak iż-żmien. Imdawla minn min kien qed imexxihom dwar il-kundizzjonijiet li kellhom jiġu osservati fit-twaqqif ta’ parroċċa, huma wegħdu lill-Isqof li lesti jiggarantixxu żewġ tari minn kull familja kull sena għall-kappillan kif ukoll biex iwaqqfu kapital li seta’ jirrendi xi ħaġa annwali għall-knisja parrokkjali.

L-Isqof Molina ra t-twaqqif tal-parroċċa tax- Xewkija bħala xi ħaġa urġenti u kkunsidra li l-offerta li għamlu ir-rappreżentanti tal-poplu bħala li tgħaddi. Fl-aħħar ġurnata taż-żjara tiegħu fis-27 ta’ Novembru 1678 huwa ħareġ digriet Habita matura considerazione li permezz tiegħu waqqaf ix-Xewkija l-ewwel parroċċa fil-kampanja. Ix-Xewkija għalhekk saret l-ewwel raħal uffiċċjali t’Għawdex.

Tagħrif ikkumpilat minn Mons. Joseph Bezzina fil-Gourgion Għadd 37, 1995; Għadd 60, 2018; Għadd 61, 2019; Għadd 62, 2020 u Għadd 64, 2022

Where to find us

Chapel

Lorem ipsum dolor sit amet, consectetur elit sed do eiusmod tempor incididunt.
a